Dwarna
Min aħna
Create Designs Malta hija kumpanija żgħira li bdiet topera madwar ħames snin ilu magħmula minn membri tal-istess familja. F’dan l-ambjent, kull individwu jagħti s-sehem u s-suġġerimenti tiegħu u hekk kull prodott maħluq ikun imfassal fuq pariri u ideat diversi.
Kif bdejna
Il-lingwa Maltija minn dejjem kienet għal qalbna . Kien proprju sforz għal din l-imħabba li bdejna dan ix-xogħol. Sa ftit snin ilu, fis-suq ma kienx hawn kartolina waħda bil-Malti u ħassejna l-bżonn li nintroduċuha. Kien jidher biċ-ċar li kien hawn għatx kbir għal dan ix-xogħol għax il-prodott tagħna ntlaqa’ tajjeb mill-ewwel u minn hemm ma ħarisniex aktar lura.
B’wiċċna minn quddiem ngħidu li konna l-pijunieri f’dan il-qasam u għad li llum hawn oħrajn li qed jagħmlu bħalna, bqajna minn ta’ quddiem nett f’dan ir-rigward. Biżżejjed ngħidu li għandna ’l fuq minn 500 kartolina magħmula apposta għal okkażjonijiet u avvenimenti diversi, b’temi u b’disinji differenti biex nilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Barra minn hekk nagħmlu dejjem xogħol ġdid għax nemmnu li l-klijenti għandu jkollhom minn fejn jagħżlu.
Illum
Ta’ min isemmi li apparti l-kartolini, aħna nagħmlu wkoll cushions, mugs, u foam boards. Il-prodotti tagħna jiġu stampati f’Malta għax nemmnu li f’pajjiżna hawn kumpaniji tal-istampar tajbin. Dawk li naħdmu magħhom jafu li aħna nkunu rridu prodott ġenwin u għalhekk moħħna mistrieħ li meta l-prodott joħroġ fis-suq dan ser ikun tal-aqwa kwalità.
Klijenti
Il-klijenti tagħna dejjem jiżdiedu, u kienu bosta dawk li wrew l-apprezzament tagħhom għax-xogħol li nagħmlu. Apparti d-disinji tal-kartolini, ħafna jfaħħru l-messaġġ ta’ ġewwa. Huwa messaġġ meqjus li ħafna drabi jesprimi verament is-sentimenti u x-xewqat ta’ min ikun ser jagħti l-kartolina! Kif jgħidu: “Ilqatna l-musmar fuq rasu”! Dan kollu għax ix-xogħol nagħmluh b’imħabba kbira u mill-qalb.